Ilmenti Lil Hinn minn Malta

 

Jekk għandek kwistjoni ma’ provditur tas-servizzi finanzjarji li qiegħed f’pajjiż ieħor tal-UE/ŻEE, żomm id-dokumentazzjoni kollha li tkun ingħatatlek meta xtrajt il-prodott jew is-servizz. Aħna ma nistgħux nieħdu lmenti fuq provdituri li mhumiex awtorizzati f’Malta. Minkejja dan, inkunu nistgħu niggwidawk biex issib entità li tkun tista’ tilqa’ l-ilment tiegħek barra minn Malta.

Sib il-parti li hi relatata mal-‘Ilmenti’ jew mal-‘Kwistjonijiet/Tilwim’ fid-dokumentazzjoni tal-prodott tiegħek. Aqraha sew u identifika l-proċess li trid issegwi biex tirreġistra lment mal-provditur. Aktarx issib ukoll id-dettalji ta’ entità tal-ilmenti fil-pajjiż tal-provditur tas-servizz tiegħek (simili għall-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji f’Malta).  

Aħna membri tal-FIN-NET, in-network Ewropew tal-organizzazzjonijiet nazzjonali responsabbli biex isolvu l-ilmenti tal-klijenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji barra mill-qrati.

Il-FIN-NET jikkonsisti f’aktar minn 60 organizzazzjoni minn 27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għalhekk, jekk għandek ilment fuq provditur tas-servizzi finanzjarji fi Stat Membru ieħor tal-UE/ŻEE u ma tistax issib l-entità esterna tal-ilmenti li tista’ tindirizza l-ilment tiegħek, aħna nkunu nistgħu niggwidawk f’dan billi nistabbilixxu wkoll l-ewwel kuntatt magħha f’ismek.

Agħfas hawn biex issir taf aktar (sit estern).