Medjazzjoni

Nirrakkomandaw il-medjazzjoni bħala l-ewwel u l-aħjar għażla għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet.

Hemm diversi lmenti li jistgħu jiġu solvuti bla xkiel jekk il-partijiet kollha jiddiskutu madwar mejda bl-għajnuna ta’ terza persuna. Dan il-metodu jissejjaħ medjazzjoni. Huwa proċess li jinvolvi lill-partijiet ta’ lment biex jifhmu l-kwistjoni ta’ bejniethom aħjar u jirsistu ħalli jsolvuha.  

Il-Medjazzjoni:

  • hi proċess immexxi b’attenzjoni minn medjatur maħtur mill-OAFS li jiżgura l-ġustizzja.
  • hi proċess informali u kunfidenzjali li jsir fil-privat. Kulma jintqal ma jkunx jista’ jintuża f’xi investigazzjoni tal-ilment li ssir wara.
  • hi iqsar mill-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni (il-proċess li jsegwi wara l-medjazzjoni).
  • tista’ tiffranka l-ħin u l-isforzi ta’ dawk kollha involuti.
  • hi volontarja; kemm min qed jilmenta u kemm il-provditur iridu jaqblu li jieħdu sehem u t-tnejn li huma jistgħu jwaqqfuha meta jridu.
Normalment, il-medjazzjoni ssir wiċċ imb wiċċ fl-uffiċċji tagħna l-Furjana jew bit-telephone conferencing. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, għalissa waqqafna l-medjazzjoni “wiċċ imb wiċċ” u, minflok, qed nużaw żewġ pjattaformi tal-video conferencing: Zoom u/jew Teams. Dwar dan, tingħata iżjed tagħrif mill-medjatur meta jkun il-waqt.
 

Il-Medjatur

Il-medjatur hu indipendenti, ma jaġixxix f’isem min jilmenta jew il-provditur u lanqas ma jżomm ma’ xi parti minnhom. Il-medjatur ma jimponix soluzzjoni u lanqas ma jobbliga lil xi parti, jew liż-żewġ partijiet, biex jaċċettaw jew jirrifjutaw xi offerta. Minflok, hu jew hi, j/tiffaċilita l-isforzi taż-żewġ partijiet biex isibu soluzzjoni li tkun aċċettabbli għalihom it-tnejn.

Il-Ftehim

Biex il-medjazzjoni tirnexxi, kwalunkwe soluzzjoni li tinstab trid issir bi qbil bejn l-ilmentatur (raġel/mara) u l-provditur (raġel/mara).

Jekk l-ilmentatur u l-provditur jaslu fi ftehim waqt il-medjazzjoni, dak li jkun ġie miftiehem jinkiteb u jiġi kkomunikat lill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. Malli jiġi ffirmat miż-żewġ partijiet u aċċettat mill-Arbitru, dak il-ftehim jibda jorbot legalment lill-ilmentatur u lill-provditur. Il-ftehim jibqa’ kunfidenzjali u l-kwistjoni tingħalaq. It-tariffa tal-ilmenti (ta’ €25) tingħata lura lill-ilmentatur.

Bl-istess mod, l-ilmentaturi li jiddeċiedu jwaqqgħu l-ilment, iridu jgħarrfu lill-Arbitru bil-miktub ħalli jieħu ħsieb joħroġ ordni biex jintemmu l-proċeduri tal-ilment. Hawn ukoll, it-tariffa tal-ilmenti tingħata lura lill-ilmentatur.

Jekk ma jintlaħaqx ftehim (u, għalhekk, il-medjazzjoni ma tirnexxix), l-ilment jgħaddi għall-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni.