Bażi Legali
L-Att dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji
L-Att dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji (Kapitlu 555 tal-Liġijiet ta’ Malta) daħal fis-seħħ fit-18 ta’ April 2016 bis-saħħa tal-Att XVI tal-2016, li s’issa ġie emendat tliet darbiet (fl-2017, fl-2018 u fl-2020).
Biex tniżżel verżjoni aġġornata ta’ din il-leġiżlazzjoni, agħfas hawn.
L-Att jispjega l-qafas amministrattiv, operattiv u ġuridiku tal-Uffiċċju. Jistabbilixxi wkoll il-funzjonijiet u l-ħtiġijiet ta’ kontabilità tal-Uffiċċju. L-Att jipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-ħatra, il-funzjonijiet, il-poteri u l-kompetenza tal-Arbitru. Jipprovdi wkoll għall-ħatra ta’ Arbitru Sostitut, meta jkun meħtieġ.
Entità ADR (Alternative Dispute Resolution)
Bis-saħħa tal-Avviż Legali 137 tal-2017 (Regolamenti tal-2017 dwar il-Ħatra tal-Entità tal-ADR tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji), il-Ministru tal-Finanzi, bħala l-awtorità kompetenti għall-iskopijiet tad-Direttiva ADR, ħatar l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji bħala l-entità ADR (Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim) għas-servizzi finanzjarji ta’ Malta. B’hekk, Malta hi għalkollox konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva msemmija (2013/11/UE) u ngħaqdet ma’ għadd ta’ entitajiet ADR ċertifikati oħra fl-UE u fiż-ŻEE b’kompetenzi simili li joffru proċeduri alternattivi ta’ soluzzjoni għall-ilmenti marbuta mas-servizzi finanzjarji.
Biex tniżżel l-Avviż Legali, agħfas hawn.